L-NGO Malta Youth in Agriculture (MaYA) uriet id-dispjaċir tagħha għall-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta li tissagrifika 20 tomna raba’ saqwi fl-Imrieħel. Fi stqarrija, l-NGO tal-bdiewa żgħażagħ esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-proġett kif ukoll l-implikazzjonijiet iżjed wiesa’ tat-telf ta’ art agrikola għall-bini ta’ iżjed toroq, xejra li diġà swiet lil pajjiżna meded kbar ta’ art agrikola u spazji miftuħa. Is-salvagwardja tal-art agrikola m’għandhiex tasal a spejjeż tas-sikurezza fit-toroq iżda l-NGO temmen li tista’ tinstab soluzzjoni alternattiva jekk jiġu kkonsultati l-partijiet interessati kollha.
MaYA laqgħet l-interventi ta’ politiċi bħall-eks President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca u tal-MPE Dr Alfred Sant, li wrew it-tħassib tagħhom dwar il-ħsieb li jinbnew iżjed toroq minflok ir-raba’ saqwi, u tinnota kif dan l-aħħar żvilupp jitfa’ iżjed piżijiet fuq is-settur tal-biedja f’pajjiżna.
“Dan il-każ jerġa’ jitfa’ l-attenzjoni fuq il-bosta kwistjonijiet li diġà jiffaċċjaw il-bdiewa fejn jidħol l-użu tal-art. Il-bdiewa jinsabu taħt theddida kontinwa, peress li proġetti bħal dawn jistgħu jitfgħuhom ‘il barra minn arthom fi kwalunkwe ħin. Barra minn hekk, għad irridu naraw ir-riperkussjonijiet ta’ każ kostituzzjonali riċenti marbut mal-kera tal-art agrikola, kwistjoni li ġiet minsija minn amministrazzjonijiet sussegwenti u li se tikkawża iktar ħsara lis-settur.”
Filwaqt li laqgħet inizjattivi bħal dawk marbuta mat-tisbiħ fiż-żoni urbani, l-NGO qalet li dan waħdu mhux biżżejjed sabiex jiġu protetti l-ispazji ħodor ta’ Malta, b’mod partikolari meta jittieħed kont tal-perikli persistenti li fihom jinsabu dawn iż-żoni minħabba l-iżvilupp u l-bini tat-toroq.
Filwaqt li kkwotat statistiki mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent1, MaYA qalet li l-agrikoltura tibqa’ l-ikbar użu primarju tal-art f’Malta (51%) u minħabba n-nuqqas ta’ foresti (li jammontaw għal 0.7% biss), l-agrikoltura tirrappreżenta wkoll l-aħħar pulmun li fadal fil-gżejjer. Malta hija l-iżjed Stat Membru tal-EU li għandha densità tal-popolazzjoni, bi 22% fil-mija tal-arja tagħha kklassifiata bħala żona urbana. “In-numru ta’ residenzi approvati f’żoni ODZ żdied tul is-snin li għadda, u dan ifisser li żona mibnija qatt mhu se tiġi rritornata għall-istat oriġinali tagħha.”
Filwaqt li jista’ jkun li l-pubbliku sar iżjed sensittiv għall-importanza tal-ispazji miftuħa għall-valur rikreattiv tagħhom, għandha titqajjem kuxjenza dwar is-sikurezza tal-ikel, l-għajxien tal-komunitajiet rurali u l-konservazzjoni tat-tradizzjonijiet rurali, li lkoll huma rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea fir-rapporti tagħha.
Il-MaYA wissiet ukoll dwar l-impatt potenzjali fuq il-fondi tal-UE għall-agrikoltura, fejn qalet li dawn il-fondi jiddependu fuq strateġija ċara tal-gvern u l-approvazzjoni tal-Pjanijiet għall-Iżvilupp Rurali. “Il-fondi Ewropej allokati għal Malta – li ġiet ikklassifikata bħala żona żvantaġġata (LFA) – jistgħu jiġu affettwati mit-teħid tal-art agrikola għal forom differenti ta’ żvilupp. F’dan l-isfond, fil-kuntest tat-theddid kontinwu lejn iż-żoni rurali tagħna, għandna niffukaw l-isforzi tagħna fuq il-preservazzjoni tal-istatus agrikolu ta’ din l-art tant limitata.”
L-NGO talbet lill-gvern jieħu approċċ strett kontra t-telfien ta’ art agrikola ulterjuri, li jipperikola direttament l-għajxien tal-bdiewa, il-provvista lokali tal-ikel, l-ispazji miftuħa kif ukoll il-finanzjamenti mill-UE, u nnotatat li proġetti massiċċi bħal tas-Central Link u l-inċineratur tal-Magħtab jinvolvu t-teħid ta’ meded kbar ta’ art agrikola.
MaYA temmen ukoll li l-ippjanar rurali u urban għandhom imorru lilhinn mill-mandat ta’ ħames snin ta’ partit politiku, u li tinħtieġ viżjoni fit-tul sabiex “isir użu tajjeb mill-fondi tal-UE filwaqt li l-bdiewa jkunu jistgħu jżommu rwol kruċjali fil-ġestjoni territorjali u tal-pajsaġġ.”
No comments:
Post a Comment